Dwarna

Koordinatriċi tas-suġġett

Dr David Aloisio
malti.jc@um.edu.mt
Room C311

Informazzjoni fuq is-suġġett tal-Malti

Livell Avvanzat

Lekċers: 4 sigħat fil-ġimgħa
Tutorjals: siegħa fil-ġimgħa
Seminars: siegħa fil-ġimgħa

Livell Intermedju

Lekċers: sagħtejn fil-ġimgħa



X’inhu l-Malti? 

Il-Malti huwa l-lingwa tagħna. Il-lingwa li naħsbu, nitkellmu u noħolmu biha. Lingwa żgħira imma lingwa unika u waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Li tkun taf il-Malti jfisser li tkun taf kif torganizza ħsibijietek u tippreżenta l-ideat tiegħek bil-lingwa nattiva. Ifisser, li tikkomunika mal-oħrajn fuq il-post tax-xogħol kif ukoll f’postijiet ta’ divertiment.

Li tistudja l-Malti jfisser li taqra xogħlijiet ta’ kittieba Maltin kif ukoll li ssir taf iktar dwar l-iżvilupp tal-ilsien tagħna. Il-qari jgħinek tikber u twessa’ l-għarfien tiegħek u fuq kollox, jiftaħlek bibien li qatt f’ħajtek ma ħsibt li tista’ tiftaħ. Il-qari jgħinek tħaddem il-kreattività tiegħek – ħila importantissima għal kull xogħol u kull qasam ieħor fil-ħajja.

Jekk int trid tkompli tistudja l-Malti fil-livell Avvanzat jew Intermedju għandek bżonn pass fl-eżami taċ-ĊES.

Xi jfisser tistudja l-Malti fil-livell Avvanzat? 

Il-Malti fil-livell Avvanzat isaħħaħlek l-erba’ ħiliet tal-lingwa permezz ta’ qari ta’ rumanzi, novelli u poeżiji. Il-komponenti differenti fil-lingwa u l-lingwistika se jgħinuk tiżviluppa ħsibijietek, torganizzahom u tikteb esejs argumenttativi kif ukoll tippreżenta xogħlok b’mod koerenti u mexxej. Il-komponenti tal-letteratura se jwessgħulek il-kreattività tiegħek – ħila li għandek bżonnha għal kwalunkwe karriera li tidħol għaliha.

Bil-Malti fil-livell Avvanzat tista’ tkompli tistudja l-Malti fil-fakultà tal-Arti, l-Università, biex imbagħad wara tkun tista’ tkompli l-Masters fit-tagħlim tal-Malti jew inkella fit-traduzzjoni u/jew l-interpretazzjoni. Apparti hekk, il-Malti għandek bżonnu jekk tixtieq tkompli l-karriera tiegħek fil-Liġi. U jkunlek utli wkoll jekk trid li jkollok karriera fil-ġurnaliżmu, fil-marketing, fil-lingwistika u l-intelliġenza artifiċjali, u xogħlijiet maniġerjali jew marbutin mas-saħħa ngħidu aħna infermiera u speech therapy.

Jekk tagħżel il-Malti fil-livell Avvanzat ikollok erba’ sigħat lekċers, seminar u tutorial fil-ġimgħa. Tista’ wkoll tiltaqa’ mal-letturi fis-sigħat ta’ kuntatt.

Xi jfisser tistudja l-Malti fil-livell Intermedju? 

Il-Malti fil-livell Intermedju joffrilek firxa ta’ temi lingwistiċi u letterarji. Jgħinek tħaddem l-erba’ ħiliet tal-lingwa: il-qari permezz tat-taħriġ il-fehem, is-smigħ u t-taħdit permezz tal-oral u l-kitba permezz tal-esej ġenerali kif ukoll letterarju. F’dan il-livell issir taf iktar dwar l-ilsien Malti u l-istorja tiegħu, kif ukoll ikollok l-opportunità taqra mill-qrib uħud mill-poeżiji ta’ Simone Galea, flimkien ma’ wieħed mir-rumanzi tas-seklu 20 ta’ Ġużè Bonnici.

Il-Malti fil-livell Intermedju jgħinek jekk tixtieq tkompli l-karriera tiegħek fil-ġurnaliżmu u fil-midja, jew inkella tidħol għal professjonijiet oħra li huma marbuta mas-saħħa, mal-edukazzjoni, mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, mal-qasam finanzjarju, mat-turiżmu, il-lingwistika u l-intelliġenza artifiċjali fost l-oħrajn.

Jekk tagħżel il-Malti fil-livell Intermedju jkollok sagħtejn lekċers fil-ġimgħa. Waħda tkun tal-letteratura u l-oħra tkun tal-lingwa u l-lingwistika. Tista’ wkoll tiltaqa’ mal-letturi fis-sigħat ta’ kuntatt.

 
Isma' l-epiżodju dwar il-Malti mill-programm tar-radju tal-Junior College mill-Kulleġġ:

https://www.jc.um.edu.mt/malti/dwarna